Il-Professur tal-Malti, Manwel Mifsud, qed jippretendi skuża mingħand l-Arċisqof. Il-Professur Mifsud spiċċa barra mir-Radju tal-Knisja, l-RTK, wara bidliet li raw il-programm tiegħu dwar il-Malti jkun fost dawk li spiċċaw anke jekk kien fost l-iktar popolari.
Mistoqsi dwar dan fil-programm Dissett fejn kien anke mistoqsi dwar l-element ta’ partiġjaniżmu fl-RTK, l-Arċisqof Scicluna qal li Mifsud dawwar l-aħħar programm f’gerger party. Skont hu ma kinetx attitudni denja ta’ Professur tal-Università.
Il-Professur Mifsud, li favurih inġabret petizzjoni, kiteb fit-Times of Malta u qal li l-kundizzjonijiet il-ġodda għall-programm Seħer il-Malti ma kienux aċċettabbli. Iżda, iktar minn hekk tenna li ma kinetx xierqa l-attitudni tal-Arċisqof li jipprova jirredikola s-semmiegħa li ċemplu jesprimu n-nuqqas ta’ qbil billi qal li għamlu gemgem party.
Il-Professur Mifsud qal xi dritt għandu l-Arċisqof jgħaddi din l-opinjoni dwaru mingħajr biss jafu. “Kemm se noħduh bis-serjetà meta jippriedka dwar id-diskors ta’ mibgħeda,” qal il-Professur Mifsud.
Mifsud qal li qed jippretendi apoloġija mingħand l-Arċisqof għax kulħadd għandu dinjità personali x’jiddefendi.