Fi stqarrija l-Gvern ħabbar li ħatar lill-Professur Ian Refalo bħala President tal-Kulleġġ Malti tax-Xjenza, Arti u Teknoloġija (MCAST).
Il-Professur Refalo huwa Professur tal-Liġi Pubblika u serva għal diversi snin bħala Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.
Huwa jokkupa l-pożizzjoni ta’ Professur Ad Personam Jean Monnet fl-Università ta’ Malta.
Huwa meqjus bħala awtorità fil-liġi amministrattiva u pubblika u ppratika bħala avukat għal iktar minn 40 sena. L-esperjenzi tiegħu varjaw f’diversi kampi, senjatament dawk tad-drittijiet tal-bniedem, tal-liġi ċivili, kummerċjali u amministrattiva, u wkoll aġixxa bħala avukat ewlieni f’każijiet ta’ importanza.
Ħadem bħala avukat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici rrimarka li l-esperjenza vasta u wkoll il-professjonalità tal-Professur Refalo se tarrekixxi x-xogħol kbir li jsir f’dan il-Kulleġġ.
Il-Ministru Bonnici jawgura lill-Professur Refalo għall-ħidma tiegħu bħala President tal-MCAST, u qal li jinsab ċert li flimkien mat-tim kollu ta’ diretturi, edukaturi u wkoll staff professjonali li bih huwa mogħni l-Kulleġġ, din il-ħidma se tkompli ssaħħaħ din l-istituzzjoni edukattiva.
Il-Gvern jirringrazzja mill-ġdid lis-Sur Frederick Schembri li serva għal sentejn bħala President tal-MCAST b’mod impekkabbli u lill-Professur Mark Borg, il-Viċi-President attwali, li serva bħala Aġent President fl-aħħar jiem.