Waqt l-aġġornament dwar l-aħħar żviluppi tal-imxija tal-Coronavirus, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li dawk li ħarġu jiċċelebraw fi gruppi kbar minn għada għandhom jagħmlu t-test għal dan il-virus.
Hija qalet li dawk li jħossu xi sintomi għandhom immedjatament jikkuntatjaw l-awtoritajiet tas-saħħa fuq il-helpline 111.
Hija qalet li s-sintomi għall-virus jibdew joħorġu minn wara jumejn sa erbatax-il jum wara li jkun hemm kuntatt ma’ xi ħadd infettat bil-virus. Hija qalet kif l-ewwel sintomi jistgħu jinħassu minn għada, hekk kif jinqabżu t-48 siegħa.
Il-Professur Gauci qalet kif f’dan iż-żmien il-pubbliku jrid jevita li jkun f’gruppi kbar u jkun biss f’grupp ta’ sitta jew inqas.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat li f’dawn l-aħħar sigħat daħlu diversi telefonati ta’ nies imħassba wara li kienu f’ġemgħat kbar u hija appellat sabiex anke dawk li ma jħossux sintomi, għandhom jagħmlu test minn għada.
Sostniet li ċ-ċelebrazzjonijiet f’attivitajiet tal-massa ma sarux biss il-Floriana u aċċennat li pajjiżna qed jikkontrolla tajjeb l-imxija u neħtieġu li ma nitilfux kollox.