Il-Professur tal-Ekonomija, Joseph Falzon, tkellem dwar l-importanza tas-surplus għall-familji. Fil-programm Netwerks imxandar fuq TVM2 il-Professur Falzon qal: “Għall-familji, għax kieku aħna l-kbar qed nisselfu, niddejnu, iridu jħallsu t-tfal tagħna… meta jkollok defiċit il-ġenerazzjoni tal-lum tonfoq iktar u t-tfal tagħna jridu jħallsuh għalih ‘il quddiem. Aħna llum inħallsu d-dejn ta’ dak li ta’ qabilna għamlu.”
Il-Professur Falzon fiehem kif pajjiżi oħra m’għandhomx dak li jissejaħ spazju fiskali. Iżda pajjiżna għandu kawża tar-riżultati tajbin li kiseb. “Bħalissa l-ekonomija tagħna qiegħda full employment. Tajjeb li l-gvern jibbilanċja l-kotba u jagħmel surplus,” qal Falzon li nnota kif f’pajjiżi oħra dan ma jistax isir.
“Dan il-gvern irnexxielu f’dawn l-erba’ snin inaqqas id-defiċit u issa għandu surplus. Dan mingħajr awsterità,” qal Falzon dwar kemm hi ħaġa tajba.
Intant, waqt dibattitu fil-programm bejn id-deputat Antoine Borg f’isem il-Partit Nazzjonalista u Aaron Farrugia f’isem il-Partit Laburista, Borg baqa’ jkun negattiv. “Kulħadd huwa pożittiv. L-MHRA, il-GRTU u ħafna oħrajn. Minbarra Simon Busuttil u Antoine Borg,” qal Farrugia fi programm fejn Antoine Borg għamel tentattiv wara ieħor biex inaqqas l-importanza ta’ din il-kisba.