Il-President ta’ Malta, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, ħatar lill-Professur Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għal perjodu ta’ ħames snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.
Il-Professur Scicluna serva bħala Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji bejn l-2013 u Novembru 2020.
Fl-2009, kien ġie elett fil-Parlament Ewropew fejn serva għal erba’ snin bħala vice-chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u bħala r-rappreżentant tal-Parlament Ewropew fuq il-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika.
Fost diversi rwoli, kien iċ-chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u direttur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Hu se jieħu post Dr Mario Vella, li serva bħala Gvernatur mill-1 ta’ Lulju 2016, u li nħatar mill-Gvern ta’ Malta bħala l-Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.