Il-Professur Alfred Vella reġa’ nħatar mill-Kunsill bħala Rettur tal-Università ta’ Malta, u se jkun qed imexxi l-Università ta’ Malta għall-ħames snin li ġejjin.
Dan wara li żewġ kandidati ġew sottomessi mill-membri tal-Kunsill.
Il-Prof. Vella nħatar waqt laqgħa straordinarja tal-Kunsill Universitarju li tlaqqgħet fil-Kampus tal-Belt.
Il-Prof. Vella ġie elett b’vot meħud mill-membri tal-Kunsill wara li ż-żewġ kandidati għamlu preżentazzjoni ddettaljata dwar il-ġejjieni tal-Università.
Il-mandat il-ġdid jibda uffiċjalment l-1 ta’ Lulju 2021.
Il-Prof. Vella twieled Bormla f’Novembru tal-1950. Iggradwa b’B.Sc. fl-1971 u b’M.Sc. fl-1975 mill-Università ta’ Malta, filwaqt li kiseb Ph.D. fil-Ġeokimika Organika fl-1984 mill-Colorado School of Mines.
Wara li ngħaqad mal-Università ta’ Malta fl-1987, meta beda r-riċerka tiegħu fil-qasam tal-Kimika Ambjentali, Prof. Vella serva għal bosta snin bħala Kap tad-Dipartiment tal-Kimika u Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza.
Serva bħala Prorettur għall-Affarijiet Akkademiċi għal 10 snin u wara nħatar bħala l-81 Rettur tal-Università ta’ Malta.
Intant fi stqarrija l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ferħet lill-Professur Alfred J. Vella, rringrazzjat lill-Professur Frank Bezzina li wkoll ikkontesta l-elezzjoni, filwaqt li tat l-awguri tagħha għat-tisħiħ tax-xogħol sfieq għall-benefiċċju tal-istudenti kollha.