Il-Professjonisti Mediċi kollha fosthom it-tobba tal-familja se jirċievu taħriġ b’mod online dwar is-servizzi kollha relatati mal-kura fil-komunità, speċjalment fejn jidħlu l-anzjani.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva.
Wilfred Galea, it-Tabib u l-Editur tal-programmi online Edukazzjoni Medika Kontinwa, saħaq li dawn is-sessjonijiet kollha jirrelataw ma’ aspetti differenti tas-servizzi li jistgħu jgawdu minnhom l-anzjani.
Is-Sur Galea fisser: “Waħda hija relatata mas-servizzi mediċi li jingħataw fid-djar bħal Ġeratrija Psikoloġika, Is-Servizz ta’ Ġeratrija kif ukoll fuq it-tim ta’ intervent fuq id-dimensja. Imbagħad għandna sessjoni oħra li hija dwar servizzi li jingħataw kura fil-komunità.”
It-Tabib Galea spjega li t-tielet sessjoni ta’ taħriġ se tkun fuq servizzi relatati ma’ għajnuna li tista’ tingħata fid-djar u fl-aħħar sessjoni se jitgħallmu fuq dak li hu magħruf bħala respite at home.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele tkellem dwar kif dan it-taħriġ ħa jkun qed jgħin b’mod dirett lill-anzjani.
Huwa spjega: “Il-mira u l-istrateġija tagħna hija li ovvjament ħa nagħtu dan il-programm ta’ taħriġ li huwa b’xejn biex il-professjonisti kollha u Għawdex kollu kkunu jafu iżjed fuq is-servizzi tagħna ħalli huma fl-istess ħin jkunu jistgħu mbagħad jagħtu servizz aħjar u jagħtu suġġerimenti lill-pazjenti tagħhom ħalli jkunu jistgħu mbagħad jinqdew aħjar għall-bżonnijiet li jista’ jkollhom.”
Il-Ministru Michael Farrugia qal li b’dan il-mod, il-professjonisti mediċi jkunu jistgħu jgħarrfu lill-anzjani fuq l-għoxrin servizz li jipprovdi l-Gvern fil-komunità.
Huwa sostna: “U allura huwa importanti li l-għoxrin servizz illi aħna nagħtu bħala dipartiment ikunu konxji tagħhom, ikunu jafu kif japplikaw u eventwalment il-pazjent ikun jista’ jingħata l-aqwa attenzjoni u servizz.”