Il-Professur Godfrey Baldacchino saħaq li t-tfal huma aktar intelliġenti milli naħsbuhom.
Dan saħqu fuq ONE Breakfast meta kien mistoqsi jekk it-tfal għandhomx jaraw is-serje Squid Game.
“Jiddependi jekk għandhomx superviżjoni u jkollhom min jispjegalhom dak li jkun qed jiġri”, saħaq Baldacchino.
Baldacchino saħaq li l-karattri ta’ Squid Games nistgħu nsibuhom fit-triq meta nanalizzawhom bir-reqqa.
Il-Professur Baldacchino stqarr li lkoll naħsbu li hemm diskrepanza kbira bejn il-karattri ta’ din is-serje u r-realtà.
“Fil-fatt hemm min hu egojist u jimpurtah biss minnu nnifsu, imma hemm ukoll min ukoll fadallu ħjiel ta’ solidarjetà u umanità”, saħaq Baldacchino.
Prof. Baldacchino qabbel il-poplarità ta’ Squid Game mal-popolarità ta’ films u serje oħrajn, fosthom Hunger Games, fejn ikollok numru ta’ individwi iżolati u jiġu applikati regoli ta’ reġim jew xi gvern totalitarju, li jkunu totalment differenti minn kif aħna mdorrijin bihom.
Saħaq li normalment in-nies jistennew li hemm sett ta’ regoli li japplikaw dejjem, iżda hemm ċertu sitwazzjonijiet li fihom ma japplikawx.
Huwa semma eżempju tad-diżastri naturali li fihom tikkrolla l-ordni u n-nies iridu jiddefendu rwieħhom u jfendu għal rashom, u f’ċerti każijiet saħansitra jkunu kostretti jwettqu reati kriminali bħal pereżempju jkissru xi ħwienet.
Tenna li f’dawn il-każijiet l-individwi jinżgħu l-libsa tal-umanità u jsiru qishom annimali.
Prof. Baldacchino qal li dan hu l-affaxxinu ta’ Squid Game, minkejja li ħafna minna ma naċċettawhiex.