Skont stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Akkademiċi fi ħdan l-Università ta’ Malta, l-UMASA, fost il-letturi, il-Professur Alfred Vella jinsab fuq quddiem fl-elezzjoni għar-Rettur tal-Università ta’ Malta.
Il-Professur Alfred Vella u l-Professur Frank Bezzina tefgħu isimhom għall-elezzjoni ta’ Rettur tal-Università li se ssir jumejn oħra.
L-istħarriġ wera kif il-Professur Alfred Vella kien fuq quddiem b’62% tal-voti, bil-Professur Frank Bezzina kiseb 38% tal-voti.
Il-Professur Vella huwa r-Rettur preżenti tal-Università ta’ Malta.
Fl-istħarriġ kienu 222 membru fi ħdan l-UMASA li ħadu sehem fih.
L-Assoċjazzjoni fi stqarrija qalet kif hi wettqet dan l-istħarriġ fost il-membri tagħha biex twassal messaġġ dwar ix-xewqa tal-membri tagħha fi ħdan l-Università hekk kif temmen li hemm nuqqas ta’ rappreżentanza fl-għażla tar-Rettur.
Spjegat kif l-Assoċjazzjoni se tkun qed taħdem qatigħ għal riforma fi ħdan l-Università fejn tixtieq li r-Rettur il-ġdid jaħdem flimkien mal-Assoċjazzjoni favur id-demokrazija fl-Università.