Il-produzzjoni ta’ frott u ħaxix organiku f’pajjiżna żdiedet b’65 tunellata fuq perjodu ta’ disa’ snin, skont tagħrif ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Biedja Organika, li jaħbat fit-23 ta’ Settembru.
Jirriżulta li, is-sena li għaddiet, f’Malta ġew prodotti mal-74 tunellata ta’ prodotti agrikoli simili, li huma ferm aktar mid-disa’ tunellati li ġew prodotti fl-2014.
Dan hekk kif, fl-istess perjodu, il-produtturi żdiedu għal erbgħa u tletin minn tnax u r-raba, li qed tintuża għall-biedja organika, iżjed milli rdoppjat għal 80 ettaru, waqt li fl-2014 kien hemm erbgħa u tletin ettaru.
L-akbar ammont ta’ art li ntużat b’mod permanenti għal prodotti agrikoli s-sena l-oħra ttieħdet għall-produzzjoni taż-żebbuġ bi 58%, segwita mid-dwieli tal-għeneb bi 38%.