Il-gazzetta l-KullĦadd ippublikat kif is-sena li għaddiet, il-produttività tal-ħaddiema f’Malta tjiebet b’madwar 2.4%. Dan b’kuntrast maż-żieda ta’ 0.4% li kien hemm madwar l-Unjoni Ewropea, b’Malta kellha l-għola tkabbir fil-produttività fiż-żona ewro matul is-sena li għaddiet.
Ċifri tal-Eurostat juru li filwaqt li pajjiżna ra ukoll ir-raba’ l-akbar tkabbir fil-produttività minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, pajjiżi fiż-żona ewro raw tnaqqis ta’ 0.2%.
Il-KullĦadd innutat kif l-agħar riżultat miksub hu dak fl-Italja bi tnaqqis ta’ 1.4% filwaqt li l-akbar tkabbir ġie nnutat fil-Polonja b’żieda ta’ 4.8%
L-Eurostat sab kif meta mqabbel mal-2020, l-produttività f’pajjiżna hija 11% aqwa filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea, din iċ-ċifra hija biss ta’ 1% għola mill-livell ta’ żmien il-Covid-19.
Il-Prodott gross domestiku ras għal ras ta’ Malta issa huwa 9% ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Fl-2012, qabel il-bidla fil-gvern, Malta kienet 13% taħt il-medja. Sa tmiem l-ewwel leġislatura Laburista, il-pajjiż laħaq il-medja Ewropea. Illum, Malta qabżet pajjiżi bħall-Franza, il-Finlandja u l-Italja, u naqqset ukoll id-distakk mal-Ġermanja.
Dan kollu jikkonferma t-tkabbir qawwi tal-ekonomija Maltija fl-aħħar snin, tant li tinsab fid-disa’ post fost l-aktar ekonomiji b’saħħithom ras għal ras fl-Unjoni Ewropea.