Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jistma li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber hekk kif il-prodott domestiku gross ta’ Malta mistenni jikber b’5.2% fl-2022, b’4.5% fl-2023 u bi 3.7% fl-2024.
Dawn iċ-ċifri jidhru biċ-ċar f’rapport mill-istess Bank Ċentrali, hekk kif ġie spjegat li l-esportazzjoni netta mistennija tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir tul din is-sena.
Il-Bank Ċentrali spjega wkoll kif il-kontribut tad-domanda domestika mistenni li jkun pożittiv iżda ferm aktar baxx meta mqabbel ma’ dak tal-2021.
Dan peress li t-tkabbir fl-attività mistenni jinnormalizza wara l-irkupru qawwi s-sena li għaddiet.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali wera wkoll li t-tkabbir fl-impjiegi fl-2022 mistenni li jilħaq 3.5% minn 2.8% fl-2021.
Dan mistenni li jimmodera għal ftit aktar minn 2% sal-2024. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tonqos ukoll għal 3.1% din is-sena, minn 3.5% is-sena l-oħra u hi mistennija li tibqa’ madwar dan il-livell matul il-perjodu tat-tbassir.
Il-Bank Ċentrali kompla jinnota kif il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jonqos għal 5.6% tal-PDG fl-2022, minn 7.9% fl-2021. Dan filwaqt li hu mistenni li jkompli jonqos għal 4.0 % fl-2023, u għal 3.2% tal-PDG fl-2024.
Ir-rapport jgħid kif dan it-tbassir hu xprunat mit-tneħħija tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-COVID-19 fl-2022.
Intant il-Bank Ċentrali fost affarijiet oħra nnota kif għalkemm l-inċertezza dwar l-attività ekonomika fl-2022 għadha għolja, din mistennija xxaqleb l-isfel is-sena d-dieħla.
Hawn il-Bank Ċentrali sostna kif dawn ir-riskji huma relatati mal-evoluzzjoni tal-provvista tal-enerġija mir-Russja għall-Ewropa.