Il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina, u Midja Soċjali tal-Partit Nazzjonalista ħalliet għall-nhar it-Tnejn li ġej, wara li tkun għaddiet il-konferma tal-Kap tal-partit, biex tibda l-proċess intern sabiex tittieħed azzjoni dixxiplinarja kontra l-kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, wara l-allegazzjonijiet li għamel fil-pubbliku dwar il-partit.
F’artiklu li kiteb fit-Times of Malta fit-13 ta’ Mejju, Buttigieg allega li xi ħadd kbir fil-Partit Nazzjonalista kien iltaqa’ ma’ kuntrattur ewlieni f’lukanda u ftiehmu li l-partit jagħlaq ħalq Buttigieg għax kien qed jitkellem kontra kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu. Fl-artiklu, Buttigieg ilmenta li l-partit fil-fatt warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali u qal li ħassu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.
Wara li Buttigieg għamel dawn l-allegazzjonijiet serji, il-PN kien uffiċjalment tah ultimatum ta’ 24 siegħa biex jissostanzja dak li kien kiteb f’artiklu prominenti fit-Times of Malta. Madanakollu, hekk kif, minn dak iż-żmien sal-lum, kompla joħroġ fil-beraħ dejjem aktar id-diżgwid intern fil-PN, dawk l-24 siegħa baqgħu jitwalu u jitwalu sabiex jiġi evitat li s-smigħ iqanqal saħansitra iktar ilmijiet li jistgħu jxekklu l-kampanja intensiva li għaddejja sabiex, kemm jista’ jkun, Bernard Grech ma jxellifha mal-ebda fazzjoni tal-partit.
Sorsi fil-PN qalu li Bernard Grech u n-nies ta’ madwaru riedu joqogħdu pass lura wara x-xogħfa li kellhom meta, ftit biss qabel tkellem Albert Buttigieg, il-Partit kien ta ultimatum simili lill-eks deputat u eks perċimes tal-Blue Heroes, Jason Azzopardi. Dan irriżenja minnufih wara akkużi serji u ġlied fil-beraħ ma’ Bernard Grech – sitwazzjoni li kompliet tapprofondixxi l-firdiet fi ħdan il-partit.
Kien Albert Buttigieg innifsu li kkonferma mal-portal Lovin Malta li kien biss ilbieraħ li ċemplulu mill-partit u qalulu biex imur id-Dar Ċentrali nhar it-Tnejn li ġej sabiex, fi kliemu, “iwieġeb xi mistoqsijiet”. B’dan il-mod, il-partit ipprova jevita milli jiftaħ ġerħa oħra f’mument meta għad irid jiġi kkonfermat il-Kap, u mbagħad jagħmel dak li għandu jagħmel ma’ Buttigieg jumejn biss wara li Bernard Grech ikun aċċerta ruħu li żamm is-siġġu tiegħu bħala Kap.
Ma’ Lovin Malta, il-kandidat u Sindku Nazzjonalista ddikjara li jħossu seren ħafna u li m’għandu xejn x’jaħbi. Quddiem il-possibbiltà ta’ azzjonijiet dixxiplinarji kontrih mill-Partit, huwa qal li “lil San Ġwann il-Battista qatgħulu rasu u 2,000 sena wara għadu meqjus eroj, filwaqt li dak li ħasadlu rasu għadu meqjus assassin. Aħjar tmut fuq riġlejk milli tgħix għarkupptejk.”
Aqra wkoll: