F’intervista li xxandret l-Erbgħa fuq ONE Radio l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-proċess ta’ għażla ta’ mexxej ġdid għaqqad lill-Partit Laburista u mhux firdu bħal ma ġara fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru stqarr: “Kien hemm min qiegħed jaħseb, kien hemm min qiegħed jittama, kien hemm min qiegħed jispekola illi dan il-proċess ħa jaqsam lill-Partit Laburista, dan il-proċess kif rajna f’dawn l-aħħar erba’, ħames ġimgħat ta’ kampanja ma qasamniex, anzi saħħaħna ħafna bejnietna.”
Dr Muscat ħeġġeġ lill-membri tal-Kungress tal-Partit Laburista biex imorru jivvutaw u jagħżlu mexxej ġdid.
Saħaq li din l-għażla l-partit qed jagħmilha f’serenità u mhux f’mument fejn ikun għadu kemm għadda minn xi telfa elettorali.
Dr Muscat sostna: “Jien ċert illi l-Partit Laburista ħa jkun qed f’idejn li huma sodi ħafna u li l-pajjiż ħa jkun qiegħed miexi ‘l quddiem.”
Il-Prim Ministru qal li l-moviment fi ħdan il-Partit Laburista jrid jibqa’ jkun katalista tal-bidliet.
“Ma nistgħux naħsbu li l-argumenti progressivi li ressaqna ‘l quddiem ġew eżawriti”, irrimarka Dr Muscat li saħaq fuq il-fatt li l-Partit Laburista jrid jibqa’ ma jibżax mill-bidliet.
Il-Prim Ministru “Li jkun qatt ma jibża’ mill-bidliet għax il-mument li bdejna nibżgħu minn dawk il-bidliet sirna progressivi tal-isem u konservattivi tal-fatt u aħna dejjem irridu nkunu progressivi tal-fatt.”
Filwaqt li semma numru ta’ inizzjattivi li l-Gvern ħa semma l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex u qal kif is-sejħa għall-kuntratt ta’ dan il-proġett ħarġet din il-ġimgħa.
Huwa tkellem ukoll dwar ir-riforma li għandha ssir biex is-sess l-inqas rappreżentat fil-Parlament ikun iżjed fil-qalba tad-deċiżjonijiet. Dr Muscat tenna: “Prim Ministru Laburista ġdid ħa jkun qiegħed jara illi x-xogħol kbir li sar jiġi konkluż, għandna bżonn l-Oppożizzjoni sabiex taqbel, allaħares l-Oppożizzjoni ma taqbilx li hemm bżonn xokk fis-sistema biex aktar nisa jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet fil-Parlament ħalli imbagħad din is-sistema tidħol fis-seħħ mal-ewwel fl-elezzjoni ġenerali ta’ tliet snin oħra.”
Il-Prim Ministru spjega kif dawn l-aħħar jiem fit-tmexxija tal-partit u tal-pajjiż qed jgħixhom b’serenità kbira u saħaq fuq l-importanza li bħala moviment jikteb l-istorja tiegħu li waslet biex inħoloq ħafna ġid fost il-familji Maltin u Għawdxin.