Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ltaqa’ mad-Direttur Ġenerali u d-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati tal-Palestina, Amal Jadou fl-14 ta’ Novembru 2019. Dr Amal Jadou kienet ukoll akkumpanjata mill-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta, Fadi Hanania.
Matul il-laqgħa, il-Ministru Abela u Dr Jadou ddiskutew ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Palestina, filwaqt li nnotaw li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jikbru biss minn saħħa għal saħħa. Dr Jadou rringrazzjat lill-Ministru għall-appoġġ ta’ Malta għad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet inaljenabbli tal-poplu Palestinjan.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-iżviluppi fir-reġjun. Il-Ministru Abela ddikjara li l-proċess ta’ paċi jeħtieġ li jinġieb lura għall-ħajja flimkien ma’ pjan tanġibbli bil-parteċipazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha, biex issir azzjoni konkreta fuq il-kwistjoni Iżraeli-Palestinjana.
Wara din id-diskussjoni, il-Ministru ltaqa’ ma’ grupp ta’ seba’ diplomatiċi Palestinjani u uffiċjali tal-protezzjoni ċivili li bħalissa jinsabu f’Malta jattendu korsijiet dwar l-Ingliż għan-Negozji u l-Protezzjoni Ċivili. Dawn il-korsijiet ġew organizzati u ffinanzjati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, f’koperazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u huma parti mill-isforzi ta’ Malta b’appoġġ għall-inizjattivi għall-bini tal-kapaċità għan-nies tal-Palestina. Rappreżentanti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll preżenti waqt din il-laqgħa.