- Stqarrija maħruġa mid-Deputat Laburista Franco Mercieca
“Wara li matul il-jum tal-bieraħ kien imniedi dokument għall-konsultazzjoni dwar kif tkun żvilupata ż-żona tad-Dwerja, wara li b’mod sfortunat in-natura ħadet hi stess dak li kreat, issa huwa fid-dmir li jkun hemm kontribuzzjonijiet ta’ ideat biex din iz-zona sħiħa, li hija ġojjel, mhux biss dik li kienet it-tieqa, tkun żvilupata bl-aħjar mod possibli.
L-ideat li poġġa għad-diskussjoni l-Gvern b’possibiltajiet li jvarjaw minn żona li titħalla kif inhi, għall-esibizzjoni ta’ fdalijiet tat-tieqa, għall-bini ta’ interpretation centre u saħanistra l-possibilità ta’ kreazzjoni artifiċjali huwa l-mod kif minn dan l-inċident sfortunat, iżda li kien previst li seta’ jiġri, jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet possibli biex tgawdi ż-żona, igawdi Għawdex u l-pajjiż b’mod ġenerali.
Kienet ukoll għaqlija d-deċiżjoni li jkun hemm ordni ta’ protezzjoni għall-area fejn kien hemm it-tieqa.
Il-Gvern qed ikun pro-attiv minkejja episodju li fih mhux biss waqgħet tieqa ikonika iżda waqa’ wkoll parti mill-patrimonju Malti.”