Il-proċess Parlamentari li se jwassal għall-approvazzjoni ta’ emendi legali li se jagħmluha possibbli biex żgħażagħ ta’ sittax jew sbatax-il sena jilħqu Sindki jew Viċi-Sindki jekk jingħataw il-fiduċja mill-elettorat, mistenni jintemm nhar it-Tnejn li ġej bit-tielet qari tal-abbozz tal-liġi.
Spjegaw aktar dwar dan il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, waqt inizjattiva li ttellgħet is-Sibt filgħodu b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Dan biex iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikollhom pjattaforma fejn jiddiskutu, jedukaw, u jappoġġjaw l-impenn ċiviku, it-tmexxija taż-żgħażagħ fil-governanza lokali, u l-importanza tal-Vot 16.
Il-qofol ewlieni tal-avveniment kienet id-diskussjoni dwar il-liġi proposta l-ġdida, li tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena li jservu bħala sindki.
Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva dan l-abbozz bħala pass kuraġġuż li qed isir b’konvinzjoni lejn il-bini ta’ futur aktar rappreżentattiv u dinamiku għal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Qal, “L-abbozz ta’ liġi li se jagħmel differenza u se jagħmel lil Malta l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi li se nagħmlu possibbli li jekk ikun hemm żgħażugħ ta’ inqas minnn 18-il sena li jġib l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, jista’ jservi ta’ Sindku.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli enfasizzat li l-Gvern għaraf b’mod konsistenti l-importanza tal-opinjonijiet u l-attiviżmu taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika biex tinħoloq soċjetà aktar demokratika, inklużiva, u vibranti.
Qalet, “Din hija fidċuja tal-Gvern Laburista fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, għaliex jekk issa l-poplu se jara karattatersitċi, kwalitajiet tajjba f’żagħżagħ ta’ 16 u 17-il sena u allura jkunu ġabu l-akbar u t-tieni l-akbar ammont ta’ voti, il-liġi qed tippermetti li r-rieda tal-poplu tissarraf f’realtà.”
Għal din l-inizjattiva attendiet ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg li spjegat kif din il-konferenza serviet bħala komponent b’saħħtu fit-trawwim ta’ kultura ta’ attiviżmu fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.