Il-Gvern wieġeb għall-protest ġudizzjarju minn organizzazzjonijiet dwar il-proċess li għaddej b’rabta mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Fi stqarrija l-Minsteru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali qal li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li tinħoloq konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer ewlenin biex ikunu jistgħu jingħelbu l-isfidi li ta’ kuljum jaffaċċjaw il-ħaddiema Għawdxin li jkollhom jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum.
Il-Gvern enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett għaliex huwa konxju tal-kunsens nazzjonali u l-ħtieġa li ssir din il-konnessjoni.
Il-Gvern sostna li l-proċess għall-bini ta’ din il-mina huwa rigoruż. Fil-fatt ftit tal-jiem ilu nħarġet sejħa għall-Pre Qualification Questionnaire għal kull tip ta’ dokumenti u formoli li jinsabu online u li huma relatati ma’ dan il-proġett. Din is-sejħa dehret anke barra minn xtutna fil-ġurnali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern innota li x-xogħol ta’ ppajanar u tħejjijiet għat-tħaffir u u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’attenzjoni sħiħa biex jitwettqu soluzzjonijiet sostenibbli u jinkiseb l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali.