Ix-xogħol ta’ tħejjija għas-sejħa ta’ investimenti f’sistemi ta’ offshore windfarms f’wiċċ il-baħar fiż-Żona Esklussiva Ekonomika ta’ Malta baqa’ għaddej b’ritmu konsistenti fl-aħħar xhur.
Dan jirriżulta minn tweġiba Parlamentari mogħtija mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, it-Tnejn għal mistoqsija mid-Deputata Rebekah Borg dwar fiex wasal il-proċess importanti fil-politika nazzjonali.
Il-Ministru Dalli tenniet li, wara li ġew identifikati sitt żoni potenzjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġija rinnovabbli, kien meħtieġ li jsir Strategic Environmental Assessment.
Kif diġà tħabbar ukoll preċedentement, is-sitt żoni ġew studjati minn konsulenti tekniċi, li ddeterminaw il-parametri tal-proġett, inklużi ż-żoni l-aktar vantaġġjużi ekonomikament u li jimminimizzaw l-impatt ambjentali. Ġiet analizzata wkoll il-maturità tat-teknoloġiji varji għall-fond tal-ibħra Maltin biex tinstab l-aktar teknoloġija adattata għas-siti stabbiliti.
Dan wassal biex ġew identifikati żewġ siti biex, wara sejħa pubblika, jintuża wieħed minnhom fejn ikunu jistgħu jitwaqqfu t-turbini tar-riħ.
Il-Ministru kompliet li, bħalissa, għaddej studju marittimu fuq iż-żewg siti u r-riżultati ġeofiżiċi se jkunu annessi fid-dokumenti tal-proċess kompettitiv. Dawn l-istudji huma meħtieġa biex jitnaqqsu l-inċertezzi u r-riskji tekniċi u finanzjarji fil-proġett.
Il-proċess, immexxi mill-entità Interconnect Malta, jinvolvi wkoll stħarriġ ġeofiżiku li qed jidentifika l-karatteristiċi tal-qiegħ tal-baħar, waqt li jiġbor informazzjoni sismika ta’ kwalità għolja, bħala parti mill-investiment kontinwu mwettaq mill-Gvern biex iħeġġeġ il-ġenerazzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli.
Il-Ministru Dalli temmet tgħid li, minbarra hekk u b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn tal-Gvern, fosthom l-Enemalta, qed issir ħidma biex l-investiment fl-infrastruttura pubblika meħtiega għal dawn il-proġetti tkun lesta fiż-żmien opportun ħalli l-enerġija ġġenerata fuq il-baħar, imbagħad, tgħaddi fil-grid lokali u minnha jgawdi l-pajjiż kollu kemm hu.