Ir-Renju Unit possibilment se jinvoka Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona bejn Jannar u Frar tas-sena li jmiss, ċioe matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri ta’ Malta fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017.
Dan qalu l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk waqt summit informali li għaddej bħalissa fi Bratislava. Dan is-Summit qed jara 27, minflok 28 kap ta’ membru stat madwar il-mejda tad-diskussjoni.
Il-President Tusk tkellem dwar laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Theresa May, is-suċċessur ta’ David Cameron li ċeda postu wara li tilef ir-Referendum li kien wiegħda elettorali fl-aħħar elezzjoni Ġenerali fir-Renju Unit.
Tusk qal li l-Prim Ministru May irrikonoxxiet li huwa diffiċli biex il-mekkaniżżmu Brexit jiskatta matul l-aħħar ftit xhur ta’ din is-sena. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qiegħed jinsisti li jekk ir-Renju Unit irid li jibqa’ parti mis-suq ħieles tal-Unjoni Ewropea, ma jistax ma jaċċettax il-libertà biex ħaddiema jkunu jistgħu jimxu madwar l-Unjoni, dak li huwa magħruf bħala l-free movement of workers.