Wara d-diskors tal-baġit, f’waħda mill-aktar seduti segwiti, il-Parlament idaħħal fis-seħħ numru ta’ proċeduri biex, imbagħad, il-miżuri mħabbrin għall-ġid tal-poplu u l-pajjiż jibdew jitwettqu mill-Ministeri rispettivi.
Dwar dan tkellimna, mal-Ispeaker Anġlu Farrugia li sostna li, wara d-diskors tal-baġit, il-Parlament jaġġorna minnufih għat-Tnejn li ġej, meta jkun hemm ir-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, waqt li, l-għada t-Tlieta, ikun hemm il-kontro-replika mill-Prim Ministru.
Qal, “Hemmhekk jittieħed il-vot. Kif jittieħed il-vot u, ovvjament, jgħaddi mill-Parlament, imbagħad il-Parlament imur fi stadju ta’ kumitat. Kumitat jippresedih id-Deputy Speaker jew l-Onorevoli Carmelo Abela jew l-Onorevoli Michael Farrugia, għax huma ġew b’mozzjoni li jistgħu jippresiedu u, imbagħad, il-Ministeri kollha jmorru fi stadju ta’ kumitat, wieħed, wieħed.”
Dan filwaqt li l-vot aħħari dwar il-baġit għas-sena d-dieħla mistenni jittieħed fix-xahar ta’ Diċembru.
L-Ispeaker tal-Parlament, li riċentament ukoll inħatar bħala President tal-Kumitat tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li jħaddan 193 pajjiż minn madwar id-dinja, sostna dwar l-importanza ta’ din il-ġurnata.
Qal, “Il-poplu Malti jħobb isegwi u jipparteċipa speċjalment, f’dawn il-mumenti importanti tal-baġit. Illum dan il-baġit qed narah l-aktar baġit importanti għas-snin li għaddew.”