Malta ġiet meqjusa bħala waħda mill-aktar pajjiżi fejn qed isiru b’suċċess, proċeduri speċjalizzati fuq pazjenti li jsofru minn puplesija.
Fil-fatt, Malta tpoġġiet fl-istess kategorija ta’ pajjiżi bħall-Belġju u l-Iżvizzera, li huma rinomati għal dan is-servizz.
Waqt żjara fid-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ra l-mod li bih, l-investiment kontinwu fl-apparat avvanzat tal-isptar, qed jgħin lill-professjonisti jiddeterminaw il-kundizzjoni tal-pazjenti f’ħin iqsar, u fl-istess ħin tingħata kura iżjed preċiża u malajr.
Il-konsulent Reuben Grech spjega x’jiġri f’dawn il-każijiet.
Qal, “Meta pazjent isofri puplesija ħa jċempel l-Emerġenza u mill-Emerġenza mill-ewwel niġu alerted min-naħa ta’ radiology. Aħna nagħmlu mill-ewwel CT Stroke, jiġifieri ħa naraw u nikkonfermaw li vera kien hemm stroke u apparti minn hekk naraw x’tip ta’ treatment nistgħu noffru lill-pazjent.”
F’dawn il-każijiet, isiru żewġ tipi ta’ trattamenti.
Qal, “Hemm żewġ tipi ta’ treatment. L-ewwel wieħed huwa mediċina li nagħtu fil-vina tal-pazjent. L-ieħor huwa dak li ngħidulu mechanical thrombectomy li huwa intervent li jsir mis-sieq tal-pazjent f’kamra bħal din ta’ warajja. Fl-aħħar snin rajna żieda kbira f’dan it-tip ta’ intervent. Bdejna noffruh fl-2015, sal-lum il-ġurnata rajna li kellna over 300% increase f’dawn in-numri.”
Id-Deputat Prim Ministru ngħaqad ma’ Dr Grech f’appell lil persuni li jħossu s-sintomi ta’ stroke biex jirrikorru immedjatament l-emerġenza għall-għajnuna, fid-dawl li f’dawn il-każijiet, il-ħin huwa prezzjuż biex ikunu salvati ċ-ċelloli tal-moħħ u l-pazjent jirkupra bl-aħjar mod.
Chris Fearne faħħar lill-ħaddiema f’dan il-qasam għar-rikonoxximent internazzjonali, u rringrazzjahom għall-ħidma tagħhom li qed issalva ħajjiet, li qabel kienu jintilfu.