Idejquni l-attakki fuq Mario Frendo, il-ġurnalist tan-NET li ntbagħat il-Ġermanja biex forsi jsib prostituti li jgħidu li raw b’ċertezza lill-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu f’burdell fejn l-istess prosituti jbigħu ġisimhom għall-flus. Xi ħaġa li m’għamilx b’suċċess.
Għalkemm lil Frendo kont nagħmlu iktar intelliġenti u biċċa bħal din ħsibt li jgħarbilha aħjar, irridu nifhmu li kien qed jagħmel ix-xogħol tiegħu ta’ reporter f’kamra tal-aħbarijiet ta’ partit politiku. Lil Mario Frendo bagħtu ta’ fuqu u ta’ fuqu mhux Fabian Demicoli. Ta’ fuqu huwa Simon Busuttil, li hija bil-barka u b’għażla tiegħu li qed titħaddem din l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista.
Strateġija negattiva u bbażata fuq l-attakki personali.
Politika tal-fake news fejn l-importanti li jsir sforz iddisprat biex is-suċċessi li qed jikseb il-pajjiż – fosthom l-inqas rata ta’ qgħad u l-ikbar tkabbir ekonomiku – in-nies jitkellmu dwarhom mill-inqas. U biex din l-istrateġija jagħmluha ovvja din il-pantomina ħadmuha fil-jum tal-Malta Summit li kull stazzjon tal-aħbarijiet fid-dinja kien qed isegwih b’attenzjoni.
Din hija strateġija maqbula f’laqgħa fid-29 ta’ Frar tas-sena li għaddiet u f’one news konna żvelajnieha biċċa biċċa. Li żdied maż-żmien kien il-mod sfaċċat kif Simon Busuttil ma ddejjaq xejn jagħmilha ċara li l-politika tiegħu hija l-politika ta’ Salvu Mallia, tant li qal li l-messaġġ tiegħu hu l-messaġġ ta’ Salvu Mallia.
Anke l-użu fil-miftuħ ta’ Daphne Caruana Galizia bħala parti minn din l-istrateġija seta’ ħa lil uħud b’sorpriża wara li din kienet individwata fir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista.
Ħafna qegħdin jiddubitaw dawn l-għażliet ta’ Simon Busuttil u għalhekk ma kienx kumbinazzjoni l-attakk fuq dawk meqjusa moderati bħal Mario De Marco.
Għal dawk li l-politika tal-estremi u l-attakki personali hija xi ħaġa li m’għandha tkun aċċettata qatt, il-problema m’għandux ikun Mario Frendo. Il-problema Simon Busuttil għax hu qed jagħżel li jieħu l-Partit Nazzjonalista f’din id-direzzjoni.