L-eks Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Alessandro Farrugia, akkuża lill-partit tal-Oppożizzjoni li huwa ddeterminat li jibqa’ ggranfat bis-saħħa kollha mal-passat, u b’hekk jinsab fi stat ta’ disperazzjoni u paraliżi liema bħalu. Huwa ddeskriva lill-PN bħala partit maqbud fiż-żmien f’realtà li ħoloq hu stess; assorbit fih innifsu filwaqt li jinjora d-dinja ta’ hemm barra.
F’artiklu ppubblikat fil-gazzetta Times of Malta, Farrugia qal li l-problema ta’ “partit mitluf f’kunflitt li ħoloq hu stess” mhux biss il-Kap, Bernard Grech.
L-eks strateġista tal-PN innota li, għall-biċċa l-kbira tal-elettorat, il-PN mhu jippreżenta xejn, la tanġibbli u lanqas intanġibbli.
L-eks Direttur tal-Komunikazzjoni tal-PN ma naqasx milli jipponta subgħu lejn id-diversi fazzjonijiet fil-partit, u qal li hemm wisq minnhom, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra. Huwa rrimarka li bosta minnhom qed jippruvaw ixejnu lill-oħrajn sabiex ikollhom aktar ħakma fil-partit. Semma li hemm wisq li jaħsbu li jifhmu f’kollox, wisq li qed jaħdmu minn barra biex iħarbtu lill-oħrajn, wisq li għandhom riżentiment għal xi ħaġa jew oħra, wisq li jippritkaw minn fuq il-pulptu tagħhom għax jaħsbu li huma ispirati mid-Divin, wisq li jfittxu parir fil-privat u mbagħad jużawh kontra l-oħrajn fil-pubbliku, u wisq li għadhom maqbdin fl-imgħoddi.
Farrugia qal li l-istat li jinsab fih il-PN huwa kkaġunat minn ħames fatturi: nuqqas serju fejn jidħol it-teħid ta’ deċiżjonijiet sodi; il-biża’ mit-tibdil; l-istmerrija għall-kritika kostruttiva; il-konfużjoni bejn li tkun konservattiv u li tkun fundamentalist; u, l-aktar importanti, li l-PN mhux jaċċetta l-fatt li s-soċjetà nbidlet. Huwa ddeskriva l-attitudni tal-PN quddiem soċjetà li evolviet bħala waħda patrijarkali.
Alessandro Farrugia kiteb li, wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu fit-Times of Malta, jistenna li se jikkritikawh: “Wara kollox, kif waħda mill-membri ewlenin tal-amministrazzjoni tal-PN poġġietha b’mod ġentili ftit jiem ilu, dawk li jsemmgħu leħinhom huma opportunisti, kritiċi dilettanti (armchair critics), beżżiegħa, u potenzjalment għandhom ambizzjonijiet personali.”
Alessandro Farrugia, li kien qrib ħafna ta’ Bernard Grech u kien ħadem miegħu sa mill-kampanja għall-elezzjoni għal Kap, telaq mill-kariga ta’ Direttur tal-Komunikazzjoni tal-PN f’Diċembru 2021, u dak iż-żmien saħaq li kien għamel dan għal raġunijiet personali. Warajh inħatar Simon Vella Gregory, iżda anki dan abbanduna l-bastiment, wara inqas minn sena. Anki hu qal li kien qed jagħmel dan għal raġunijiet personali.
Dwar ir-riżenji fil-PN, fl-artiklu tiegħu Alessandro Farrugia kiteb li, “meta l-loġika ssir illoġika, dak li jkun jitlaq b’ħeffa u jgħid li qed jagħmel dan għal raġunijiet personali, kif fil-fatt għamilt jien. Kien hemm oħrajn qabli u oħrajn warajja.”