F’Jum l-Ewropa, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, emfasizzat li bħala l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, Malta, ma tistax iġġorr ir-responsabbilità tal-immigrazzjoni illegali kollha waħedha.
Dr Dalli saħqet li pajjiżna ilu jagħti sehmu f’dan ir-rigward u wasal iż-żmien li pajjiżi oħra jagħmlu l-parti tagħhom ukoll.
Hija stqarret: “Hemm bżonn li jkun hemm responsabbilità ħafna akbar minn kulħadd. Il-problema fil-Libja ma ħolqithiex Malta. Kien hemm pajjiżi ħafna ikbar minn Malta li kellhom subgħajhom fil-kwistjoni tal-Libja. Din hija problema Ewropea li teħtieġ soluzzjonijiet Ewropej.”
Dr Dalli tenniet li kull deċiżjoni li jieħu l-Gvern Malti għandha tkun fl-interess nazzjonali filwaqt li għandu jintbagħat messaġġ b’saħħtu lil dawk li jfittxu biex jaqilgħu lira minn fuq dahar nies iddisprati għal ħajja aħjar.
Sostniet li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lil-Libja biex toħloq atmosfera li fiha n-nies ma jkollhomx bżonn jaqsmu ibħra perikolużi.
Dr Dalli sostniet: “L-Unjoni Ewropea tuża s-saħħa internazzjonali tagħha biex dawk il-persuni li m’għandhomx dritt għall-ażil ikunu jistgħu jintbagħtu lura. Trid tiġġieled bis-saħħa kollha lill-kuntrabandisti tan-nies. Ir-raba’ punt mill-aktar importanti huwa li jkun hemm rilokazzjoni mandatorji li tinvolvi lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.”
Hi temmet tgħid li f’kull laqgħa li tattendi qiegħda tinsisti li l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna jiġu indirizzati, għaliex is-sitwazzjoni preżenti m’għadhiex tenibbli.