Il-Prinċep Harry kritika dak li sejjaħlu ndħil eżaġerat fil-ħajja privata tiegħu. Huwa kien qed jintkellem f’intervista li saritlu mill-BBC, fil-bidu tal-Invictus Games fi Florida.
Ilmenta li l-linja bejn il-ħajja privata tiegħu u dik pubblika m’għadhiex teżisti. Stqarr li kulħadd għandu dritt għall-privatezza u sostna li se jkompli jaħdem biex jiżgura li tinżamm id-distinzjoni.
Żied jgħid li kemm hu kif ukoll membri oħra mill-familja rjali jħossuhom konxji ħafna li jgħixu f’ċirkostanzi privileġġati. Għalhekk sostna li se jipprova kemm jiflaħ jixħet l-attenzjoni fuq affarijiet li verament huma importanti u kawżi li jemmen fihom, mhux fuq dettalji inutli dwar ħajtu.