Il-paċi u l-fiduċja internazzjonali li jgawdi minnha pajjiżna kienu suġġetti li ddominaw parti mid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert attività politika fi-Rabat Għawdex.
Fil-fatt, Dr Abela rrefera għall-gwerra li bħalissa għaddejja bejn l-Iżraeljani u l-grupp militanti tal-Hamas fejn fiha qed imutu eluf ta’ nies innoċenti u bla ħtija.
Hawn il-Prim Ministru rrimarka r-realtajiet diffiċli li qed naraw ta’ kuljum.
“Sfortunatament, fin-nofs ta’ dan il-kunflitt għandek tant ċittadini innoċenti Palestinjani li qegħdin jitilfu ħajjithom. Tfal, bkejna narawhom imutu, żgħażagħ, familji, ħaddiema li jitilfu ħajjithom bl-aktar mod inġust. Dak li għamlu l-Hamas, ħa nkun ċar ħafna ma jista’ qatt jiġi ttolerat jew ġustifikat u nifhem li iżrael għandu l-jedd li jipproteġi s-sigurtà tiegħu u ta’ nisu. Imma bl-istess mod aħna ma nistgħu naċċettaw qatt li jmutu aktar nies innoċenti.”
F’dan l-isfond, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-aġir ta’ Roberta Metsola tal-Partit Nazzjonalista li fl-aktar mumenti kruċjali minflok tipprova tagħmel il-ġid, tieħu kull opportunità għall-pubbliċità personali.
“Kien hemm min li minflok uża l-poteri tiegħu, l-mezzi tiegħu, is-siġġu b’saħħtu tagħha, flok użatu dan biex tibgħat messaġġ b’saħħtu biex ma jmutux aktar nies u biex tinstab soluzzjoni għall-paċi u biex ma jintilfux aktar ħajjiet inġustament, rat biss okkażjoni ta’ pubbliċità personali, kemm se tidher l-iktar fil-midja internazzjonali fl-avvanz tal-karriera personali, x’ħasra, x’ħasra.”
Madankollu quddiem dan kollu, Dr Abela sostna li hemm xi ħaġa waħda li tgħaqqadna, huwa t-twemmin li bih nistgħu nagħmlu għada aqwa mil-lum.
Fil-fatt, dwar il-pożizzjoni ta’ pajjiżna quddiem dawn ir-realtajiet dinjin, il-Prim Ministru qal li tkun newtrali ma jfissirx li tagħlaq għajnejk b’xi mod imma li tkun newtrali ifisser li titkellem dwar kompromess u dwar il-paċi u dan huwa dak li jħaddan dan il-partit soċjalista, partit ta’ emozzjoni.
Għalhekk irrefera għall-fiduċja internazzjonali li jgawdi pajjiżna anke bl-aħħar żviluppi b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna u l-passi li qed jittieħdu favur il-paċi, b’pajjiżna jkun fiċ-ċentru ta’ dan kollu.
“Dan twemmin Laburista, dan twemmin soċjalista li kull fejn immur fil-fora internazzjonali, nimbuttah ‘il quddiem bis-saħħa u propju għax pajjiżna huwa newtrali u dejjem jimbotta ‘l quddiem soluzzjonijiet favur il-paċi anka waqt li ħaddieħor kien qed jitkellem dwar aktar u aktar tankijiet tal-Gwerra u armamenti, proprju pajjiżna intagħżel biex jospita l-Ukraine piece formula meeting li se jkun qed jinżamm ġewwa pajjiżna fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li mill-komunità internazzjonali pajjiżna huwa meqjus bħala interlokutur kreddibli favur il-paċi u d-diplomazija u din hija prova oħra tar-reputazzjoni b’saħħitha li għandu pajjiżna.