“Li ma nħallux in-nies waħedhom jibqa’ l-prinċipju fundamentali li jiggwidana.”
Dan kien is-sentiment ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista mill-Barrakka t’Isfel u li xxandret fuq l-istazzjon ONE.
Huwa fakkar fl-għajnuniet differenti li pprovda l-Gvern tul l-aħħar 15-il xahar. Fost dawn semma l-iskema tal-Covid Wage Supplement u l-vouchers hekk kif issa l-Gvern nieda t-tieni rawnd tagħhom.
Dwar l-iskema tal-vouchers, il-Prim Ministru spjega li l-konsum li ġie ġġenerat bl-ewwel rawnd kien ta’ madwar €90 miljun, id-doppju ta’ kemm investa l-Gvern sabiex jniedi din il-miżura.
B’hekk tenna li l-investiment ta’ €50 miljun f’dan it-tieni rawnd se jkunu reċiprokati bil-konsum ġġenerat ta’ madwar €100 miljun.
Hawnhekk Dr Abela tenna l-importanza ta’ din il-miżura minkejja li l-Oppożizzjoni qal li l-Gvern qed iberbaq il-flus.
Il-Prim Ministru stqarr, “Se nħallu n-nies waħedhom, se ntuhom bozza energy saving lin-nies jew se ntuhom sapport ta’ veru u ħaddieħor dan is-sapport li qed nagħtu, dawn l-injezzjonijiet fl-ekonomija jsejjaħlu tberbieq. Jiena ngħid li min jitkellem b’dan il-mod verament jurik li m’għandux sens ta’ tmexxija.”
B’reazzjoni dwar din il-miżura, intervjena wkoll is-Sur Matthew Pace mill-Assoċċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering hekk kif sostna li din se tkompli twassal għall-infieq fi ħdan l-istabbilimenti li għal tant xhur kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom.
Pace irrimarka, “Avolja miftuħin sal-ħamsa, minn għada jekk Alla jrid se niftħu sa’ 12am jiġifieri qed naraw sens ta’ ottimiżmu kbir fix-xhur li ġejjin u fil-bqija tas-sena.”
Dr Abela ġie mistoqsi wkoll dwar l-importanza li tkompli tikber l-ekonomija f’pajjiżna fosthom permezz tas-settur tal-manifattura.
Il-Prim Ministru fil-fatt spjega kif grazzi għall-interventi f’waqthom tal-Gvern, l-impjiegi f’pajjiżna mhux biss ma naqsux iżda żdiedu, kontra x-xejra Ewropea. B’hekk tenna l-impenn tiegħu sabiex dan il-Gvern ikompli jinċentiva l-investiment.
Dwar dan tkellmet ukoll l-ekonomista Jessica Camilleri li emfasizzat l-importanza tal-investiment kontinwu fl-ekonomija Maltija sabiex ir-rota ekonomika tibqa’ ddur.
Camilleri stqarret, “Hu importanti però li jitkompla dak l-investiment ħalli ovjament inkomplu nistimulaw dak il-konsum ħalli fis-snin li ġejjin nerġgħu mhux biss niġu għan-normalità imma nkomplu ndawwru r-rota ekonomika.”
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-ħidma tal-gvern fis-soċjal kienet u tibqa’ konformi direttament mal-prinċipju ewlieni tal-Gvern li ma jħallix lin-nies waħedhom.
Dan b’differenza għal amministrazzjonijiet preċedenti li xeħtu l-problemi taħt it-tapit, fosthom dik dwar il-kirijiet ta’ qabel l-1995.
Dr Abela sostna, “Illum minn €185 telgħet għal €230 tant snin wara dik ir-riforma. Dan nidħku bis-sidien konnha qegħdin u qegħdin nidħqu daqstant ieħor bl-inkwilini li tajnihom sens ta’ sigurtà falz li qalulhom serrħu raskom ħadd ma jista’ jkeċċikom mid-dar umbagħad meta kienet tiġi s-sentenza mill-bord tal-kera li texħithom il-barra lin-nies mid-dar tagħhom, in-nies bdew jindunaw li l-amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista daħket bihom.”
B’differenza Dr Abela spjega kif dan il-Gvern issa verament assigura s-serħan il-moħħ fosthom mal-pensjonanti hekk kif issa se jkun qed itihom sa €10,000 fis-sena. Il-Prim Ministru temm jgħid li meta l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali jmexxik ’il quddiem ma’ tista’ tiżbalja qatt għaliex tibqa’ viċin in-nies filwaqt li tifhem il-weġgħat u r-realtajiet tagħhom.