L-emenda fil-kodiċi kriminali li qed tkun diskussa bħalissa hija msejsa fuq żewġ prinċipji ewlenin – il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-omm f’periklu gravi waqt it-tqala, u li fejn huwa possibbli li l-omm u l-fetu, jew it-tarbija, jgħixu flimkien, jiġu salvati t-tnejn.
Dawn iż-żewġ prinċipji reġa ċċarahom il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti t-Tnejn filgħodu.
“Il-prinċipji jibqgħu ċari imma minn dawk iż-żewġ prinċipji ewlenin, mhux se jkun hemm negozjar ma’ ħajjet jew saħħet l-omm imma biex niżguraw li dawk iż-żewġ prinċipji, fil-prattika, jiġu prattikati skont dik li evidentament hija l-intenzjoni tagħna li, le, aħna m’aħniex qed indaħħlu l-abort ġewwa pajjiżna, allura hemmhekk nibqa’ miftuħ għad-diskussjoni.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Mistoqsi mill-ġurnalist tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista dwar x’jiġri f’seba’ xhur jew disa’ xhur tqala, il-Prim Ministru kien skjett.
“Dik hija domanda li naħseb fejn verament tara kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qiegħda tqarraq għaliex il-komunità medika tgħidlek b’mod ċar li wara erbgħa u għoxrin ġimgħa tqala, fetu jista’ jitwelled u jgħix, jiġifieri jekk qed nitkellmu dwar tqala fis-seba’ xahar jew fid-disa’ xahar, lanqas għandu jkun hemm imqar dubju jew diskussjoni li dak il-fetu għandu jiġi mwelled u jgħix.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru reġa’ saħaq li din mhix riforma li se ddaħħal l-abort, iżda emenda waħda fil-kodiċi kriminali li se tagħmel eċċezzjoni waħda fejn tidħol kwistjoni ta’ periklu għall-ħajja jew is-saħħa ta’ omm tqila, u fejn l-omm u l-fetu ma jistgħux jgħixu flimkien minħabba kumplikazzjonijiet mediċi.
Huwa spjega wkoll li sal-lum, dawn il-każijiet iġorru piena ta’ erba’ snin ħabs fuq it-tabib u tliet snin ħabs għall-omm.
Dr Abela saħaq li l-Gvern jirrispetta l-pożizzjoni ta’ kulħadd u ma jinjora lil ħadd, u kien proprju dan il-prinċipju li wasslu biex iressaq din l-emenda.
“Se jkunu qed jibbenefikaw mill-protezzjoni li tagħti numru żgħir ħafna ta’ tobba u ommijiet prospettivi. J’Alla ma jkun hemm ħadd li jkollu bżonn li jibbenefika minnha għax tkun tfisser kumplikazzjonijiet mediċi li ġew evitati imma anki jekk ikun hemm imqar mara waħda biss li waqt tqala, ikollha ħajjitha f’periklu jew saħħitha f’periklu gravi, hemmhekk allura aħna għandna l-obbligu li nressqu ’l quddiem din l-emenda sabiex inħarsu kemm lit-tobba tagħna u kif ukoll lill-ommijiet prospettivi minn proċeduri kriminali f’mument daqstant sensittiv fit-tqala tagħhom.”
il-Prim Ministru Robert Abela