Il-Prinċep Harry se jiżżewweġ lill-attriċi Amerikana Meghan Markle.
Kien il-Prinċep Charles li fil-bidu ta’ ġimgħa ġdida ħabbar li ibnu u t-tfajla tiegħu se jissiġillaw imħabbithom biż-żwieġ fir-Rebbiegħa.Il-Prinċep Harry huwa l-ħames eredi għat-tron, u la jiżżewweġ se jkun qed jgħix flimkien ma’ martu f’Nottingham Cottage fil-Palazz Kensington f’Londra.
Il-koppja, Harry ta’ 32 sena u Meghan tliet snin ikbar, iltaqgħu l-ewwel darba f’Lulju tas-sena l-oħra, u bdew joħorġu flimkien erba’ xhur wara.
Il-Prinċep Harry qal li kellu l-barka tal-ġenituri ta’ dik li fix-xhur li ġejjin se tkun martu.
Miegħu ngħaqdet il-koppja Rjali William u Catherine; li jinsabu eċċitati għalihom u kuntenti li jistgħu jixhdu l-ferħ li taw lil xulxin fil-vjaġġ ta’ kemm ilhom flimkien.
Bħal Harry, Meghan ukoll ġiet Malta meta mmudellat għar-rivista Elle, fejn kienet qalet kemm għoġbuha l-gżejjer Maltin u t-tradizzjonijiet li jġibu magħhom.
B’din l-aħbar pubblika, tibda l-ispekulazzjoni dwar id-data tat-tieġ, għalkemm din mistennija titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.