Il-Prinċep Harry ikkonferma li l-attriċi Amerikana Meghan Markle hija l-għarusa tiegħu, filwaqt li fi stqarrija mill-Palazz Kensington kellu kliem iebes lill-mezzi tax-xandir għax ibbumbardjawha b’ “mewġ ta ‘abbuż u fastidju”.
Qal li l-koppja ilhom “ftit xhur fir-relazzjoni” u li ma jemminx li Markle għandha tkun soġġetta għal dan it-tip ta’ bumbardament. Qal ukoll li rarament jieħu azzjoni formali fuq stejjer fittizji, iżda dan l-aħħar innota li ż-żejjed kollu żejjed.
Fl-aħħar jiem bosta gazzetti ħarġu stejjer fil-faċċati dwar l-attriċi ta’ 35 sena, magħrufa bħala Rachel Zane fid-drama Suits.
Il-prinċep ikkundanna l-kummenti ta’ xeħta razzjali, is-sessiżmu dirett u t-“tixħim sostanzjali” lill-eks għarus tagħha. Ibbumbardjaw ukoll lil kważi kull ħabib, kollega u persuna li b’xi mod għandu x’jaqsam ma’ Markle. Kien hemm saħansittra battalji legali li seħħew billejl biex iżommu stejjer malafamanti milli joħorġu fil-gazzetti. Omm Markle spiċċat ikollha tiġġieled mal-fotografi biex tersaq lejn il-bieb ta’ darha u kemm-il darba kellha tissejjaħ il-pulizja.