Rapporti fir-Renju Unit qedgħin jgħidu li l-Prinċep Charles ġie maħtur il-mexxej il-ġdid tal-Commonwealth. Dan wara li l-mexxejja tal-Commonwealth, inkluż il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, qedgħin jiltaqħu f’Londra għall-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Gvern tal-Commonwealth.
Waqt il-ftuħ uffiċjali tal-laqgħa li seħħ il-bieraħ, ir-Reġina Eliżbetta it-Tieni, li preżentament tmexxi hi l-Commonwealth, għamlet talba meqjusa bla preċedent biex il-mexxejja jagħzlu lil binha biex ikun is-suċċessur tagħha. Peress li l-rwol mhux ereditarju, irid ikun hemm qbil bejn il-mexxejja fuq il-kap il-ġdid tal-Commonwealth.
Qabel ma bdiet il-laqgħa, il-Prinċep Charles iltaqa’ ma diversi mexxejja b’mod informali biex jikseb l-appoġġ tagħhom. Kienet kruċjali iżda t-talba tar-Reġina, kif ukoll il-kliem ta’ tifħir li qal dwaru il-Prim Ministru Muscat, li waqt id-diskors tiegħu faħħar l-impenn u dedikazzjoni li l-Prinċep Charles ta’ lil Commonwealth tul ħajtu.