Wara s-suċċess li kiseb il-programm LEAD għal darb oħra l-Partit Laburista nieda sejħa oħra sabiex aktar nisa jitħajru jidħlu f’dan il-programm li jqarribhom u jgħallimhom fuq il-Politika Maltija.
Dan kollu bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni femminili fil-Parlament Malti.
B’reazzjoni għal dan il-Ħadd filgħodu fuq ONE RADIO il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li kien sorpiż għall-aħħar bis-suċċess li kiseb dan il-proġett mmexxi f’idejn il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli.
Qal ,”jien kont konvint li rridu nagħtu sinjal nagħtu impetus imma ngħid il-verita kont sorpriż bir-reazzjoni li kien hemm.”
Madankollu minkejja s-suċċess li kiseb il-programm LEAD il-Prim Ministru baqa’ jsostni il-viżjoni tiegħu wara dan il-programm.
Muscat spjega kif “Sa għaxar snin oħra nofs il-kandidati kollha tal-Partit Laburista se jkunu nisa u nofs ikunu irġiel f’kull elezzjoni. Jien nixtieq li nilħqu l-parita fis-sessi f’dak li għandu x’jaqsam ma rappreżentanza f’kull istituzzjoni.”
Il-Prim Ministru spjega kif wara li serva bħala mentor ewlieni tul dan il-programm huwa ltaqa’ ma kull parteċipanta li għażlet tieħu sehem.
Innota li LEAD ma kienx qed jiġbed biss l-attenzjoni taż-żgħażagħ Maltin iżda anke ta’ nisa adulti minn kull fergħa tas-soċjetá.
Qal għalkemm fl-aħħar mhux kulħadd jagħżel karriera politika, il-programm qed iservi ta pjattaforma ta’ edukazzjoni li tgħin tagħraf u ttejjeb lil dawk kollha li jagħżlu jipparteċipaw.
Il-Prim Ministru qal li “Dak hu s-sodisfazzjon tiegħi ta’ LEAD li mhux ħa jiggwadanja minnu biss il-Partit Laburista. Ħa jigwadanja minnu l-pajjiż imma ħa jigwadanjaw minnu persuni individwali illi ħa jkunu qed itejbu lilhom infushom.”
Fl-ewwel sejħa tal-programm Lead applikaw ħamsa u tmenin mara u minnhom intagħżlu sebgħin.
L-applikazzjonijiet għal dan il-programm infetħu fl-erbgħa u għoxrin ta’ Awwissu u jagħlqu fit-tnax ta’ Settembru. Dawk interessati jipparteċipaw jistgħu japplikaw minn fuq is-sit www.lead.org.mt