Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi triqtu lejn il-kapitali taċ-Ċekja, Praga, għal-laqgħat flimkien mal-mexxejja Ewropej.
Matul il-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Malti se jkun qed jieħu sehem fil-Komunità Politika Ewropea, li se titlaqqa’ għall-ewwel darba. Din il-laqgħa se tlaqqa’ lill-mexxejja minn madwar il-kontinent Ewropew, li jammontaw għal 44.
Apparti l-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, se jkun hemm ukoll tar-Renju Unit, mill-Ukrajna, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera, it-Turkija, il-pajjiżi tal-Balkani, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġorġja.
Din il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-kontinent Ewropew se tkun qed issir fi sfond tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li kawża tagħha ħalliet kriżi fis-settur tal-enerġija.
Imbagħad, il-Ġimgħa se ssir laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew. Id-diskussjoni hawnhekk se tkun dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija u s-sitwazzjoni ekonomika.
Ilbieraħ, fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li waqt din il-laqgħa se tippreżenta pjan biex jintlaħaq qbil dwar il-prezz massimu tal-prezz tal-gass.
Malta hija fost 15-il Stat membru tal-Unjoni Ewropea li qed jimbottaw ’il quddiem il-proposta ta’ capping fuq il-prezz tal-gass, bil-għan li l-elettriku li jiġi ġġenerat mill-gass ma jibqax bil-prezzijiet esaġerati li hemm bħalissa.
Din il-laqgħa informali bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se tkun segwita minn Summit tal-Kunsill Ewropew bejn l-20 u l-21 ta’ Ottubru li ġej, fi Brussell.
Attending the European Political Community & Informal European Council, part of the Prague Summit. Discussions to focus on addressing the energy issue re security of supply and affordable energy for households & businesses and on continuing to provide support to Ukraine. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 6, 2022