L-ewwel perjodu tal-kampanja ra l-Prim Ministru, Joseph Muscat, iżid il-fiduċja fost l-elettorat. L-istħarriġ dwar dan ta’ The Malta Independent, it-Torċa u l-Maltatoday taw vantaġġ b’saħħtu lil Joseph Muscat fuq Simon Busuttil, b’dak tal-Maltatoday li jsir tul il-leġiżlatura kollha ra lill-Prim Ministru jirreġistra l-ogħla trust rating minn Jannar tal-2015.
Fil-fatt, fl-istħarriġ tal-Maltatoday, 43.7% qalu li għandhom iktar fiduċja f’Joseph Muscat milli għandhom f’Simon Busuttil. Biex hawn Joseph Muscat irreġistra vantaġġ ta’ 5.3%.
Ta’ The Malta Independent talbu lil min iwieġeb jagħżel bejn iż-żewġ mexxejja jew lil ħadd u hawn il-Prim Ministru rreġistra fiduċja assoluta ta’ 51.4%. Dan kontra 38.8% ta’ Simon Busuttil. Din tfisser differenza ta’ 12.6%.
L-istħarriġ tat-Torċa jgħid li 44.7% jafdaw iktar lil Joseph Muscat u kienu biss 31.3% li qalu li jafdaw iktar lil Simon Busuttil. Differenza ta’ 13.4%.
Osservaturi politiċi jsostnu li dawn ir-riżultati huma riflessjoni tal-fatt li l-ewwel jiem tal-kampanja elettorali raw lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, jippreżenta proposti konkreti u studjati filwaqt li jitkellem dwar dak li kiseb.
Minn naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni spikka għall-inkonsistenzi tiegħu u l-iżbalji bażiċi li ħa.