Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana żaru l-Iskola Nazzjonali tal-Isport fil-ġimgħa li fiha qed ikun iċċelebrat Jum il-Ħaddiem. Hawn il-Prim Ministru ried juri sinjal ta’ apoġġ lill-istudenti li ħafna minnhom qed jaspiraw li jkunu sportivi professjonali.
Dr Abela qal kif huwa konxju tal-fatt li l-pandemija laqtet it-taħriġ u l-kompetizzjonijiet li dawn jagħmlu. Hawnhekk għamlilhom kuraġġ biex iħarsu ‘l quddiem biex flimkien jegħlbu dan il-mument ta’ sfida u jirritoraw għan-normalità.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-istudeni jibqgħu joħolmu li jkunu sportivi professjonali, hekk kif il-Gvern għaddej b’investimenti qawwija fil-faċilitajiet li jridu jintużaw fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru Malta.
Dawn il-faċilitajiet se jitgawdew ukoll mill-isportivi lokali, hekk kif l-investiment fl-isport ma waqafx f’pandemija u se jissokta fi żmien li ġej.
Il-Prim Ministru segwa wkoll it-taħriġ f’bosta dixxiplini sportivi, u rringrazzja lill-ħaddiema li huma strumentali biex l-istudenti jimxu ’l quddiem u jipperfezzjonaw l-abbiltajiet tagħhom.