Il-Prim Ministru tas-Sri Lanka, Ranil Wickremesinghe, ħa l-ġurament bħala l-President interim tal-pajjiż sakemm il-Parlament jeleġġi suċċessur għal Gotabaya Rajapaksa, li rriżenja uffiċjalment.
L-iSpeaker tal-Parlament tal-pajjiż, Mahinda Yapa Abeywardena, aċċetta l-ittra tar-riżenja, li twasslet bl-ajru tard il-Ħamis minn Singapor, fejn ħarab l-eks President. Dawn l-aħħar żviluppi drammatiċi seħħew wara diversi xhur ta’ protesti mqanqla minn rabja dwar il-kriżi ekonomika fil-pajjiż.
L-iSpeaker qal li se jinħatar President ġdid malajr, fi żmien sebat ijiem.
L-eks President ħarab mis-Sri Lanka nhar l-Erbgħa, u d-dimostranti daħlu fil-Palazz u fl-uffiċċji tiegħu.
Kien hemm xeni ta’ ferħ fil-kapitali Colombo wara li ġiet ikkonfermata r-riżenja, bil-folol jisparaw il-murtali u jiżfnu fit-toroq.
Il-President li se jintgħażel se jservi għall-bqija tal-mandat, li jintemm fl-2024. Min jinħatar jista’ jaħtar Prim Ministru ġdid, li mbagħad ikun irid jiġi approvat mill-Parlament.