Il-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi, mistenni jirriżenja fis-sigħat li ġejjin biex b’hekk ikun waqa’ l-Gvern ta’ Koalizzjoni fl-Italja.
Din l-aħbar waslet wara li partit Cinque Stelle, li kien parti mill-koalizzjoni, kisirha minn mal-koalizzjoni f’vot ta’ fiduċja.
Fi stqarrija, Draghi sostna li l-ftehim ta’ fiduċja li kien jimmarka l-unità tal-Gvern sfaxxa.
Qal li huwa se jkun qed jagħti r-riżenja tiegħu lill-President tar-Repubblika llejla stess.
Draghi kien ilu jmexxi l-Gvern Taljan sa minn Frar tal-2021, meta nħatar mill-President Mattarella sabiex imexxi lill-Italja fl-irkupru wara ż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19.
Din il-kriżi fil-qalba tal-Gvern Taljan rat il-bidu tagħha wara li l-Kap tal-Partit Cinque Stella, Giuseppe Conte, ma qabilx mal-pjan ta’ għajnuna ta’ €23 biljun mill-Gvern biex jgħin lill-familji u n-negozji. Huwa argumenta li Draghi ma kienx qed jagħmel biżżejjed sabiex jgħin fil-kriżi tal-għoli tal-ħajja.
L-elezzjonijiet fl-Italja kienu mistennija jsiru s-sena li ġejja, madankollu b’dan l-aħħar żvilupp bosta rapporti qed jindikaw li l-elezzjoni issa tista’ ssir fil-ħarifa li ġejja.