Il-Prim Ministru l-ġdid Brittaniku Keir Starmer qal li mill-Ħadd ħa jżur l-erba’ pajjiżi li jagħmlu parti mir-Renju Unit.
Dan intqal minnu waqt konferenza tal-aħbarijiet li għamel f’10 Downing Street, wara l-ewwel laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri ta’ Gvern Laburista ġdid.
Starmer ikkonferma li se jivvjaġġa lejn l-Iskożja, l-Irlanda ta’ Fuq, Wales u l-Ingilterra.
Il-Prim Ministru Starmer sostna li r-rebħa li kiseb il-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Ħamis hu mandat ċar sabiex il-Gvern immexxi minnu jiggverna mar-Renju Unit kollu u jġib il-bidla li hemm bżonn.
Qal, “For the first time in 20+ years, we have a majority in England, in Scotland and in Wales. And that is a clear mandate to govern for all four corners of the United Kingdom and therefore I should set off tomorrow to be in all four nations.”
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, Starmer qal li waħda mill-akbar prijorità ta’ Gvern Laburista ġdid se tkun li jkun hemm it-tkabbir tal-ekonomija.
Intqal kif fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett ġie diskuss il-pjan ta’ kif Gvern ġdid se jibqa’ jwettaq dak li wiegħed.
Keir Starmer qal ukoll li se jiltaqgħa mas-Sindki reġjonali tal-partiti kollha biex jara kif il-Gvern immexxi minnu jista’ jwettaq u jaħdem għall-aħjar ta’ dawn il-komunitajiet.
Sadanittant, l-ewwel laqgħa tal-Kabinett li saret is-Sibt filgħodu seħħet wara li l-Ġimgħa, fl-ewwel jum tiegħu bħala Prim Ministru Keir Starmer ħatar il-membri prominenti tal-Kabinett.
Angela Rayner se sservi bħala Deputat Prim Ministru ta’ Starmer. Dan hekk kif hi d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u hi l-id il-leminija ta’ Keir Starmer.
Rachel Reeves hi l-Ministru tal-Finanzi, Yvette Cooper hi l-Ministeru tal-Intern, David Lammy hu s-Segretarju tal-Affarijiet Barranin, fost numru ieħor ta’ Ministri maħtura minn Keir Starmer.
Fl-elezzjoni ġenerali bikrija, li saret il-Ħamis, il-Partit Laburista ġab maġġoranza kbira ta’ siġġijiet fil-House of Commons, dan hekk kif għandu erba’ mija u tnax (412)-il siġġu f’dawn il-ħames snin li ġejjin.