Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti, Carmelo Abela ħabbar li Malta mhux se tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Istat tal-Katalunja filwaqt li offra s-sosten tiegħu lill-Gvern Spanjol immexxi mill-Prim Ministru Rajoy f’dan il-mument ta’ kriżi.
Din l-istqarrija ħarġet wara li ftit siegħat ilu l-Katalunja iddikjarat l-indipendenza mill-Gvern Ċentrali, l-Prim Ministru Mariano Rajoy waqqa’ l-Gvern Katalan. Dan sar ftit mumenti wara li spiċċat laqgħa urġenti tal-kabinett Spanjol.
Tħabbar ukoll li l-Gvern ċentrali se jkun qed ifittex lill-uffiċjali tal-Gvern Katalan fuq każi ta’ ribelljoni. Taħt il-liġijiet Spanjoli dawn l-akkużi iġorru magħhom sentenzi sa massimu ta’ tletin sena priġunerija. L-elezzjoni għall-Gvern ġdid fil-Katalunja mistennija ssir fil-21 ta’ Diċembru li ġej.
Stqarrija maħruġa mill-Parlament Ewropew iddeplorat l-azzjonijiet tal-Gvern Katalan. L-istess stqarrija qalet ukoll li l-Unjoni Ewropea qatt ma tista taċċetta d-deċiżjoni tal-Gvern Katalan hekk kif tmur kontra l-liġijiet Spanjoli u dawk tat-trattati tal-Unjoni Ewropea.
L-Gvernijiet Ingliżi, Ġermaniżi u Franċiżi qablu mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Rajoy u sostnew li se jkunu qed jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom għall-għaqda fil-pajjiż. Madankollu in-NATO qalet li din il-problema domestika u għandha tiġi solvuta mill-Ispanjoli.
Wara ftit mumenti li tħabbar dan kollu eluf kbar ta’ Katalani niżlu fil-pjazez u toroq jiċċelebraw id-dikjarazzjoni tal-Gvern Katalan u fi ftit ħin tniżżlu l-bnadar Nazzjonali Spanjoli li kienu jinsabu fuq binjiet pubbliċi nbidlu b’dawk Katalani.