Il-Prim Ministru Slovakk Igor Matovič ħabbar li ser ikun jirriżenja fuq ix-xiri tal-vaċċin Russu Sputnik, wara li dan il-vaċċin għadu ma ġiex approvat mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.
Matovič spjega kif se jkun qed ibiddel l-irwol tiegħu mal-Ministru tal-Finanzi Eduard Heger biex b’hekk Heger ser ikun il-Prim Ministru l-ġdid tal-pajjiż Ewropew.
Fl-aħħar għaxar t’ijiem, irriżenjaw sitt Ministri bl-iskop li jitfgħu l-pressjoni fuq il-Prim Ministru Slovakk.
Iktar kmieni dan ix-xahar kien irreżenja wkoll l-uffiċċjal Awstrijak inkarigat mix-xiri tal-vaċċin.
Dan ftit jiem biss wara li l-Kanċillier tal-pajjiż, Sebastian Kurz ilmenta li Malta u l-Olanda rċievew wisq dożi tal-vaċċin.
Malta dejjem saħqet li hija għamlet użu mill-mekkaniżmu komuni tal-Unjoni Ewropew fix-xiri konġunt tal-vaċċin u rrimarkat li kienet biss aggressiva biex xtrat dożi għall-popolazzjoni Maltija.
Intant fl-aħħar ġimgħat l-imxija laqtet sew lill-Islovakkja, b’għadd ta’ pazjenti pożittivi għall-virus spiċċaw trasferiti lejn pajjiżi ġirien bħall-Awstrija biex jirċievu kura.