Il-Prim Ministru Robert Abela se jindirizza s-27 laqgħa għolja tal-198 pajjiżi firmatarju tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima.
Il-laqgħa għolja, magħrufa wkoll bħala l-COP27, qed issir f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu, bil-għan li tibni fuq dak li diġà sar filwaqt li tħejji t-triq għal passi futuri biex tiġi affrontata l-isfida globali tat-tibdil fil-klima.
Preżenti se jkun hemm delegati minn kważi mitejn pajjiż, għexieren ta’ mexxejja internazzjonali, u mijiet minn fost l-ikbar impriżi u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Din il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Magħquda hija trattat internazzjonali li ntlaħaq qbil fuqu fil-Laqgħa Għolja dwar id-Dinja, li saret f’Rio,il-Brażil, fl-1992. Il-Konvenzjoni tiffoka fuq l-impenn biex il-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera jiġu stabbilizzati għal-livell li ma jwassalx biex l-attivitajiet tal-bniedem jinterferixxu b’mod dannuż fis-sistema tal-klima.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru hemm il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, id-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela, u l-Ambaxxatriċi Maltija għat-Tibdil fil-Klima, Simone Borg.
F’kummenti lil One News, Simone Borg spjegat li l-Gvern ikun ilu sena jipprepara għal din il-Laqgħa Għolja u tkellmet dwar l-impenn sħiħ ta’ Malta fejn jidħol it-tibdil fil-klima.
“Malta tgħaddi dan il-messaġġ importanti: li għalina l-ġlieda għal-bidla fil-klima hija xi ħaġa li nagħtuha l-ogħla importanza. Malta se tkun minn ta’ quddiem, flimkien anki mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, biex tisħaq li t-temperatura tal-pjaneta trid titla’ iżjed minn 1.5 gradi ħalli b’dak il-mod il-ħsara tkun limitata ħafna. Nisperaw li pajjżi oħra jkunu ambuzzjużi bħall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluża Malta.”
Il-Professur Simone Borg ġibdet l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima tittieħed b’serjetà kbira għax tista’, fl-aħħar mill-aħħar, twassal għat-tmiem tal-ħajja fid-dinja.