Illum u għada l-Prim Ministru Robert Abela se jieħu sehem f’żewġ laqgħat għall-mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Għada l-Ħamis huwa se jieħu sehem fl-aħħar tal-Kunsill Ewropew għal din is-sena. L-aġenda tal-laqgħa tiffoka fuq l-isfidi li kkaratterizzaw ħajjet u ħidmet l-istituzjonijiet Ewropej matul din is-sena. Fost dawn hemm il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija.
F’ittra lil mexxejja Ewropej, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, qal li fil-laqgħa ta’ għada l-mexxejja se jkunu qed iħarsu lejn l-isifdi li jridu jiġu ndirizzati matul is-sena li ġejja, fosthom ir-riforma fis-suq tal-elettriku li se tiġi proposta dalwaqt mill-Kumissjoni Ewropea.
Temi oħra li se jkunu qed jiġu diskussi huma s-sigurtà u d-difiża fl-Ewropa, u l-iżviluppi lil hinn mill-fruntiera fin-Nofsinhar tal-Ewropea, tema li Malta għandha interess kbir għax se tkun qed tħares lejn l- iżviluppi fil-pajjiżi tal-Mediterran li mhumiex parti mill-blokk Ewropew, fosthom il-Libja.
Intant, illum se ssir laqgħa għolja ejn il-mexxejja Ewropej u l-mexxejja tal- għaxar pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tal-Istati fix-Xlokk tal-Asja, l-ASEAN.
Il-pajjiżi li huma parti minn din l-Assoċjazzjoni huma l-Brunei, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Myanmar, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, u l-Vjetnam.
Dan se jkun l-ewwel summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-ASEAN, li fiha se jiġu diskussi l-kummerċ, is-sigurtà, il-konnettività, u s-sigurtà tal-ikel, fost temi oħra.
Il-laqgħa se ssir fl-għeluq il-45 sena minn mindu beda d-djalogu bejn iż-żewġ gruppi ta’ Stati li issa ġie mgħolli għall-istat ta’ sħubija strateġika. Fi Brussell,il-PrimMinistru huwa akkumpanjat mid-deputat Edward Zammit Lewis.
In Brussels for the EU-ASEAN Summit & #EUCO. Discussions to focus on key issues including enhanced cooperation, the energy crisis and the economy. – RA pic.twitter.com/cD83BkxnYM
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 14, 2022