L-identità iċċelebrata madwar Manwel Dimech hija t-tema ewlenija ta’ kommemorazzjoni li se ssir l-għada tal-Għid, it-Tnejn, 17 t’April, 2017 f’Misraħ Kastilja fis-6pm.
Din id-data tfakkar is-96 anniversarju mill-mewt ta’ Dimech. It-tifkira ta’ din is-sena se tiftaħ l-aħħar ftit snin li jwasslu għall-ewwel ċentinarju mill-mewt tiegħu, fl-2021.
L-attività se tkun indirizzata mill-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, se jkun qed jagħmel diskors flimkien ma’ Mark Montebello, l-awtur ta’ ktieb ġdid dwar Dimech.
F’din l-okkażjoni Montebello se joħroġ uffiċjalment verżjoni qasira tal-ħajja ta’ Dimech bil-Malti, illustrat b’rirtratti ta’ Dimech u dokumenti marbuta mal-eżilju tiegħu.
L-identità minn dejjem kien qasam li jħoll u jorbot fost il-popli. Madanakollu, f’dawn l-aħħar snin, l-aktar bil-konfront tal-kulturi u l-firxa kbira tal-migrazzjoni, dan il-qasam tal-identità sar aktar kritiku u vitali, kemm fl-Ewropa kif ukoll f’Malta.
Għal din ir-raġuni, illum is-sehem mogħti minn protagonisti storiċi ewlenin fil-bini tal-identità nazzjonali jitqies bħala fundamentali għall-individwalità.
Ċertament, Manwel Dimech jitqies bħala wieħed mill-aktar ewlenin fost l-akbar personaġġi nazzjonali. L-istorja ta’ ħajtu, il-filosofija tiegħu u l-mewt kiefra tiegħu għadhom, mhux biss jaffaxxinawna, iżda wkoll jagħmluna nifhmu aħjar min aħna u x’irridu nkunu filkomunità tal-ġnus.
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għal din il-kommemorazzjoni.