Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja studenti tal-ħames u tas-sitt sena tal-Iskola Primarja Dun Salv Vella, tan-Nadur, Għawdex.
Din iż-żjara ntalbet mill-istudenti nfushom meta, ftit tal-ġimgħat ilu, Il-Prim Ministru għamel żjara fuq ix-xogħlijiet estensivi li qed isiru fl-iskola tal-lokalità tagħhom.
L-istudenti kellhom l-opportunità li jduru madwar il-binja storika u jifhmu aktar dwar l-istorja tagħha. Tgħallmu wkoll dwar l-użu tagħha llum, bħala l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Huma ddiskutew ukoll mal-Prim Ministru numru ta’ suġġetti li huma l-iżjed ta’ interess għalihom. Il-Prim Ministru qatt ħin sostanzjali wkoll biex wieġeb il-mistoqsijiet kollha li xtaqu jagħmlu.