Is-Sibt waranofsinhar, ġimgħa ’l bogħod mill-appuntament elettorali li jmiss, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kien qalb in-nies f’diversi lokalitajiet fil-gżira tat-tliet għoljiet, bħala parti mill-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Il-Prim Ministru, flimkien ma’ diversi membri Parlamentari u tal-Kabinett, Sindki, kunsilliera u kandidati għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej, tkellem ma’ dawk preżenti dwar diversi temi, li l-aktar jaffettwaw lil-lokal tagħhom.
Fi Pjazza 10 ta’ Diċembru f’Għajnsielem il-Prim Ministru semma l-impenn ta’ Gvern Laburista għal-lokalitajiet, b’mod speċjali fil-kuntest tal-manifest b’numru ta’ proposti għal kull lokalità f’pajjiżna.
Fil-Bandli tal-Munxar, il-Prim Ministru tkellem ma’ dawk preżenti dwar kif Gvern Laburista, sena wara l-oħra, għolla l-pensjonijiet filwaqt li ħolom u beda jimplimenta proġetti ġodda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Fi Pjazza l-Assunta fiż-Żebbuġ, il-Prim Ministru sostna li l-Partit Laburista għandu pjan ċar għal-lokalitajiet u anke għall-Parlament Ewropew. Hu sostna kif, bil-maqlub, il-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda pjan u qed jirrikorri biss għal diskorsi ta’ firda.
Robert Abela sostna kif din l-elezzjoni se tiddetermina l-futur ta’ kull wieħed u waħda minna, waqt li appella biex kulħadd jiġbor il-vot tiegħu u jesprimi l-ġudizzju nhar is-Sibt li ġej.