L-inklużjoni ma tfissirx biss għarfien, iżda tfisser li b’mod tanġibbli kull persuna jkollha l-opportunità li tuża l-abiltajiet biex timraħ u tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fl-iskola għat-tfal bl-awtiżmu Hand-in-Hand fir-Rabat, akkumpanjat minn martu Lydia Abela.
Din l-iskola toffri programm ta’ terapija li huwa mmirat biex dawn it-tfal ikollhom mhux biss ħiliet soċjali, iżda wkoll ħiliet li bihom ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti. Il-Gvern qiegħed jiffinanzja dan is-servizz speċjalizzat li qed toffri din l-iskola.
Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-ħidma li qiegħda titwettaq minn din l-iskola, li qiegħda tinvesti b’dedikazzjoni fl-abbiltajiet tal-istudenti f’ambjent addattat.
Minn proġett pilota ta’ suċċess, din saret skola li, fi kliem il-ġenituri, qed tagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja ta’ wliedhom.
“L-impatt li ħalliet din it-therapy fuq it-tifla u fuq il-familja fl-aħħar huwa li tejbet il-kwalità ta’ ħajja li ngħixu. Affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum, li neħduhom for granted. Għal min għandu t-tfal b’din il-kundizzjoni jkunu challenge. Mill-ewwel ġimgħa li bdiet tattendi l-‘Hand in Hand’ rajna differenza fl-imġiba tagħha. Affarijiet li kienu challenging qabel, illum saru affarijiet normali u bħala familja kollha qed ngħixu ħajja aħjar.”
Dawn huma prinċipji li jemmen fihom dan il-Gvern u li qed jiġi riflessi f’ħidma fosthom bit-tisħiħ tal-carer’s grant u l-investiment f’assistenti personali biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu fis-socjetà b’mod aktar indipendenti.
Fil-frattemp, il-Gvern qed jintroduċi wkoll skemi u servizzi aktar speċifiċi fosthom l-iskema ‘Sensability’, li toffri assistenza finanzjarja biex il-familji jkunu jistgħu jagħmlu kamra sensorjali f’darhom.
Dawn il-miżuri huma mfassla mill-esperjenzi tal-familji li se jkomplu jsibu l-investiment u l-appoġġ min-naħa tal-Gvern.