Il-Ħamis filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Forn tal-Ħabs fejn seta’ jsegwi l-ħidma li għaddejja mill-uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-priġunieri waqt li kienu qed jippreparaw il-prodotti, bħal qagħaq tal-appostli, biex jinbiegħu minn quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru hekk kif ġie spjegat li ‘Mill-Forn tal-Ħabs’ hija inizjattiva li tassisti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-persuni li qed jiskontaw sentenza, sabiex anke jakkwistaw ħiliet ġodda li jkunu jistgħu jużaw anki meta jiġu re-integrati fis-soċjetà.
Il-Prim Ministru ġie mdawwar mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma, fejn anke żar il-post minn fejn kienu qed jinbiegħu l-prodotti. Huwa tkellem mal-uffiċjali u priġunieri preżenti fejn faħħar il-ħidma li qed issir għal din l-inizjattiva.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat ukoll mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.