Il-Prim Ministru Robert Abela żar investiment ġdid ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni internazzjonali li wettqet proġetti f’diversi kontinenti u li ilha topera f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 20 sena.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie spjegat li, f’laqgħa mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-kumpanija, fil-preżenza wkoll tal-Ambaxxatur tat-Turkija għal Malta, il-Prim Ministru nnota mill-ġdid kif Malta qed tibqa’ tattira investiment barrani b’saħħtu li jixhed il-fiduċja li teżisti f’pajjiżna.
Dan fl-istess ħin li kumpaniji stabbiliti f’pajjiżna qed jibqgħu jsaħħu l-operat tagħhom.
Il-Prim Ministru ġie infurmat ukoll dwar l-investiment li għamlet il-kumpanija f’makkinarju tal-kostruzzjoni sostenibbli u favur l-ambjent, b’investiment li jisboq l-€4 miljun. Innota kif dan it-tip ta’ investiment hu xhieda ta’ kif it-tranżizzjoni ambjentali tista’ ssir mingħajr ma jixxekkel l-investiment.
Waqt laqgħa mat-tmexxija u l-ħaddiema, il-Prim Ministru nnota wkoll is-sehem tal-kumpanija fuq proġetti tal-Gvern li huma ta’ benefiċċju għall-poplu kollu.
It-tmexxija tal-kumpanija esprimiet il-fiduċja tagħha f’pajjiżna u sostniet li se tibqa’ tinvesti fl-operat tagħna għax temmen fil-potenzjal ta’ dan il-pajjiż.
Preżenti matul iż-żjara kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, il-Membru Parlamentari Cressida Galea, u l-Ambaxxatur tat-Turkija għal Malta, Erdeniz Sen.