It-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika ta’ Magro Brothers ġewwa l-Qasam Industrijali tax-Xewkija, Għawdex.
Hemmhekk iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ din il-kumpanija u ra mill-viċin il-produzzjoni tal-prodotti li din il-kumpanija hija magħrufa għalihom.
Waqt din iż-żjara l-Prim Ministru Abela żar l-aħħar investiment li sar fil-fabbrika fix-Xewkija, fejn b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro, il-kumpanija xtrat faċilità oħra li permezz tagħha tista’ toħloq varjetà ġdida ta’ prodotti mill-ħalib.
Il-kumpanija Magro Brothers, li llum tħaddem ‘il fuq minn disgħin ħaddiem, iddiversifikat l-operat tagħha tul is-snin u għamlet dan filwaqt li rċiviet għajnuna sostanzjali mingħand il-Malta Enterprise permezz ta’ għadd ta’ skemi.
Jakkumpanja l-Prim Ministru waqt din iż-żjara kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.